Servizz ta "Cross-border eHealth"

Il-proġett epSOS jimmira li joffri servizz tas-saħħa bla problemi għaċ-ċittadini Ewropej.  Il-miri prinċipali huma li jtejjeb il-kwalita’ u s-sigurta’ tas-servizz tas-saħħa għaċ-ċittadini waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.  Iktar minn hekk, il-proġett epSOS jikkonċentra fuq l-iżvilupp ta’ infrastruttura prattika għas-sistemi elettronċi tas-saħħa, sabiex iwassal taħt sigurta’ l-informazzjoni tal-pazjent f’diversi sistemi tas-saħħa Ewropej.  Il-proġett epSOS kapaċi jagħmel kontribut sinjifikanti lejn is-sigurta’ tal-pazjent billi jnaqqas il-frekwenza ta’ żbalji minħabba f’nuqqas ta’ ftehim u billi jwassal għall-aċċess imħaffef għad-dokumentazzjoni.  F’każijiet ta’ emerġenza, did-dokumentazzjoni tipprovdi lit-tobba b’ informazzjoni li tista’ ssalva l-ħajja tal-bniedem, u tnaqqas milli jsiru testijiet iżjed milli hemm bżonn.  It-tobba barranin isiru jafu minn xhiex ibati l-pazjent f’pajjiżu, biex ma jinħelix ħin bla bżonn.

L-aspetti tekniċi u legali u l-kunċetti organizzattivi ġew żviluppati fil-qafas tal-proġett u ġew sottomessi għal skrutinju għal aktar minn sena sħiħa.  F’Malta il-proġett epSOS ser jittestja is-servizz elettroniku tas-saħħa li jwassal Sommarju dwar il-Pazjent (Patient Summary) minn pajjiż għall-ieħor.

Għall-ewwel darba, pazjenti fl-Ewropa ser ikollhom l-opportunita’ li jużaw servizz elettroniku tas-saħħa li jaqsam il-fruntieri (cross-border) meta jkunu qed ifittxu kura f’pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-proġett epSOS, kemm jekk huma hemm bħala turisti, fuq xogħol, jew bħala student. 

 

Vantaġġi għall-Pazjent

Sigurta’ fil-Kura tas-Saħħa waqt is-Safar
Meta aħna nivvjaġġaw f’pajjiżi barranin bħala turisti, fuq xogħol, jew biex nisstudjaw, ftit li xejn naħsbu minn qabel dwar il-kura medika.  Meta nkunu barra minn xtutna u nfittxu s-servizzi ta’ professjonisti tas-saħħa (tabib, sptar, ċentru tas-saħħa jew spiżjar), dan jiġri ġeneralment għax tinqala’ xi ħaġa ta’ bla ħsieb u mhux ippjanata u niġu bżonn kura tas-saħħa urgenti, jew anki ta’ emerġenza.  Għalhekk, huwa importanti li tkun informat dwar x’servizzi tas-saħħa jeżistu li jaqsmu l-fruntieri.

Sfidi komuni meta tfittex kura barra minn pajjiżek
Apparti problemi ta’ lingwa, jekk tabib barrani jinviżtak bla ma jkollu d-dokumenti mediċi tiegħek (rapporti mediċi, riżultati tal-laboratorju, eċċ), jista’ jiġi f’diffikulta’ fuq l-aħjar trattament li jgħodd għalik; dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-kwalita’ tal-kura li tingħata.  Sistema elettronika tas-saħħa li taqsam il-fruntieri Ewropej (li tinkludi s-Sommarju tal-pazjent) tista’ tgħin biex telimina dawn il-problemi u b’hekk ittejjeb is-servizz tas-saħħa li tieħu meta tkun barra pajjiżek.